1. Ħsieb tar-RABA’ JUM tan-NOVENA
Fr. Nicholas Cachia
Wieħed mill-isbaħ titli li nagħtu lil Marija fil-Litanija huwa “Bidu tal-Ferħ tagħna”. Bil-Latin
dan it-titlu insibuh bħala “Causa nostrae letitiae”, jiġifieri lil Marija qed insejħulha bħala dik
li fetħitilna l-Bieb għall-veru ferħ tagħna, il-ferħ tas-salvazzjoni. Fl-Antifona li tingħad għall-
Kantiku ta’ Zakkarija fil-Lawdi tal-Festa ta’ Marija Bambina, nitolbu hekk: “Verġni Omm
Alla, it-twelid tiegħek ħabbar il-ferħ lid-dinja kollha, għax minnek tnisslet ix-xemx tal-
ġustizzja, Kristu Alla tagħna”.
Il-qaddisin ukoll raw fit-twelid ta’ Marija Bambina dak li nieda dan iż-żmien tal-fidwa
tagħna. Se nsemmi tnejn li sibthom fl-artiklu interessanti li hemm fil-programm tal-festa
dwar is-sinifikat ta’ din il-ġrajja importanti fl-istorja tas-salvazzjoni tagħna. Santu Wistin
jgħidilna hekk: “Id-dinja tagħna jmissha tifraħ b’ferħ kbir fit-twelid ta’ din il-Verġni. Eva
ġabitilna d-dmugħ; Marija ġġibilna l-ferħ. Eva feriet in-natura umana; Marija fejqitha. Il-fidi
ta’ Marija għamlet tajjeb għan-nuqqas ta’ twemmin ta’ Eva. Eva ġabet in-niket fid-dinja;
Marija ġabet it-tifħir – Ruħi tfaħħar lill-Mulej”.
U San Ġwann Damaxxenu jistedinna wkoll sabiex “niċċelebraw bil-ferħ kollu t-twelid tal-
ferħ għad-dinja kollha. Dan il-jum huwa l-bidu tas-salvazzjoni tad-dinja. Marija hija l-bieb
verġinali li minnu u permezz tiegħu, Alla se jidħol fid-dinja b’ġisem bħal tagħna. Illum
spuntat fergħa mill-għerq ta’ Ġesse li minnha se joħroġ warda marbuta b’mod li ma jinħallx
mad-divinità”.
Il-qalb li tinfetaħ għall-preżenza ta’ Alla hija qalb ferħana. Il-qari ta’ dan il-Ħadd – li għadna
kemm smajna – jindikalna triq importanti ħafna biex inkunu nistgħu nilqgħu dan il-ferħ
f’qalbna: it-triq tal-umiltà. Fl-Ewwel Qari minn Bin Sirak smajna: “Akbar m’int, iktar
għandek iċċekken ruħek, u ssib grazzja
quddiem il-Mulej” u jkompli “il-Mulej jikxef
lill-umli l-misteri tiegħu” (3,18.19b). Il-ferħ
veru mhuwiex dak li joħloq il-bniedem biex
jipprova jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu; dak li
jimla tassew lill-qalb tal-bniedem huwa l-
għarfien li Alla, li ħalqu, iħobbu u qiegħed
miegħu dejjem, lest li jgħinu, u xewqan biex
inkunu magħqudin miegħu.
F’dan is-sens żgur li nistgħu ngħidu li Marija
kienet l-iktar bniedma ferħana li kien hawn:
għaliex qalbha kienet mimlija b’din l-imħabba
u b’din il-preżenza ta’ Alla ... qalbha kienet
mimlija b’Ġesù. U kull fejn jidħol Ġesù u
jintlaqa’ ikun hemm il-ferħ. Niftakru fil-ġrajja
2. taż-żjara ta’ Marija lill-qariba tagħha, Eliżabetta: “Għax, ara, malli smajt f’widnejja leħen it-
tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ
kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!” (Lq 1, 44-45).
Huwa dan il-ferħ li jrid jimla ’l qlub tagħna wkoll biex inkunu nistgħu nwassluh lill-oħrajn.
Mhuwiex it-tlellix tad-dinja u lanqas is-sodisfazzjon tax-xewqat u tal-ġibdiet tagħna li
jagħtuna l-veru ferħ. Il-ferħ li taf tagħti d-dinja ma jaqta’ l-għatx u dejjem trid iżjed u dejjem
tixtieq xi ħaġa differenti. Taħseb li se tilħaq is-sema għax tixtri dik il-ħaġa li ilek tixxennaq
għaliha, imma wara ftit ħarstek tmur fuq xi ħaġa oħra u twarrab ta’ qabilha. Jew temmen li
jekk tagħmel dik l-esperjenza se tkun kuntent; tagħmilha, tieħu gost imma wara ftit tkun
tixtieq xi ħaġa oħra. Il-pjaċir tad-dinja huwa wisq effimeru, dgħajjef, jgħaddi malajr, ma
jissodisfax. U rridu noqgħodu attenti anke aħna, nies tal-Knisja: għax nistgħu nfittxu l-ferħ
tagħna f’affarijiet sagri li huma sbieħ fihom infushom (bħat-tiżjin tal-Knisja, li jkollna festa
sabiħa, l-ilbies tas-saċerdot) imma, lanqas dawn, ma jagħtukx il-ferħ li jibqa’. Huwa biss
Ġesù li jista’ jimla ’l qalbek, kif kien jimla’ ’l qalb ta’ Marija.
Illum hawn diversi saċerdoti u reliġjużi li
jaħdmu hawn f’din il-parroċca tan-Naxxar
jew li huma minn din il-parroċċa u qed
jagħtu s-servizz tagħhom f’xi qasam ieħor
tal-Knisja f’Malta. Anke aħna rridu nistaqsu
lilna nfusna: jekk huwiex Ġesù li qed jimla’
’l qalb tagħna. Ma ninsewx x’jgħid il-Malti:
mill-milja tal-qalb, jitkellem il-fomm! In-
nies qed jistennew li aħna nwasslulhom lil
Ġesù u l-Kelma tiegħu. Dan huwa l-ġid veru
li jeħtieġu u li aħna obbligati li nwasslulhom. Niftakru ftit f’dik il-kelma qawwija li kien qal
il-Papa Franġisku fl-ewwel omelija tiegħu wara li sar Papa: “Jekk aħna ma nistqarrux lil Ġesù
Kristu, hemm xi ħaġa ħażina. Insiru NGO karitatevoli, imma mhux il-Knisja, l-Għarusa tal-
Mulej”.
Niftakru fil-preżenza tal-Isqof Sylvester Magro, Franġiskan Minuri, l-istorja sabiħa ta’ San
Franġisk li beda jsaqsi kontinwament lil Fra Leo: fejn jinsab il-ferħ perfett? U jwieġeb u
jgħidlu li dan il-ferħ ma jinsabx għaliex il-Franġiskani qed jagħtu eżempju ta’ ħajja qaddisa,
jew għax jagħmlu l-mirakli, jew għaliex jafu jippridkaw. Wara xi żewġ mili mexjin, Fra Leo
beda jokroblu biex jgħidlu fejn isibu l-ferħ perfett, San Franġisk dar lejh u qallu li dan jinsab
meta huma jkunu lesti li jaċċettaw u jġorru t-tbatijiet ta’ Ġesù Kristu bis-sabar, minħabba l-
imħabba tagħhom għalih. Dan huwa l-ferħ perfett! Jalla aħna jkollna dejjem iżjed xewqa għal
dan il-ferħ vera!
Illum għandna wkoll il-korijiet tal-parroċċa li qed jieħdu sehem b’mod partikulari matul din
iċ-ċelebrazzjoni. Il-kant tagħkom isebbaħ iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi u jrid jgħinna nerfgħu
qlubna lejn il-Mulej. Dak li hu tassew sabiħ, imiss il-qalb u jgħolliha lejn Alla li hu s-sabiħ.
L-ismijiet tal-korijiet tagħkom għandhom riferenza għall-ferħ: Gaudete in Domino: ifirħu fil-
Mulej u Iubilate Deo: Għajjtu bil-ferħ lill-Mulej. Bħalma Marija, mimlija Ġesù, infexxet
3. tfaħħar lill-Mulej, hekk ukoll il-kant tagħkom għandu jkun il-frott ta’ din il-laqgħa tagħkom
mal-Mulej, li minnu tibda u fih tintemm kull ħidma tagħna. Iktar ma nkunu bħal tfal ċkejknin,
pueri cantores, iktar inħallu li t-tifħir tagħna lill-Mulej ikun safi u sabiħ!
L-Evanġelju tal-lum jgħinna nifhmu mod ieħor kif il-bniedem jista’ jagħmel l-esperjenza tal-
ferħ veru u li jibqa’. Ġesù jistedinna biex nagħtu mingħajr ma nistennew xejn lura: “Għall-
kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iż-żopop u l-għomja, u hieni int,
għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l-
ġusti jqumu għall-ħajja” (Lq 14,14). Huwa l-ferħ frott l-imħabba li tingħata. Hija l-imħabba li
ma tpoġġix lilha nnifisha fiċ-ċentru. Hija l-imħabba li tfittex biss li taqdi, li tingħata. Hija
wkoll espressjoni oħra tal-umiltà, fejn iċ-ċentru tal-attenzjoni tiegħi ma nibqax ‘jien’ imma
jsir ‘l-ieħor’. C.S. Lewis jiddeskrivi l-umiltà b’dan il-mod: “Humility is not thinking less of
yourself, it’s thinking of yourself less” – l-umiltà ma tfissirx tnaqqas mill-konsiderazzjoni
tiegħek innifsek, imma li taħseb inqas fuqek innifsek!
Marija hija eżempju mill-iżjed qawwi ta’ din l-imħabba li tingħata: hija dejjem attenta għall-
bżonnijiet tal-oħrajn, dejjem lesta li tara li l-oħrajn ma jonqoshom xejn. Taraha sejra tgħin lil
Eliżabetta; taraha attenta għall-ħtiġijiet tal-għarajjes fit-tieġ ta’ Kana; taraha taħt is-Salib,
isostni lil Binha fil-ħin tal-ikbar prova u tingħaqad miegħu; taraha mad-dixxipli tqawwilhom
qalbhom fiċ-Ċenaklu, hekk kif kienu qed jistennew il-miġja tal-Ispirtu s-Santu. Ħajjitha hija
mmarkata minn għotja sħiħa.
Dan ukoll għandu jimmarka l-għotja tagħna u s-
servizz tagħna. Ma rridux infittxu lilna nfusna.
Ma rridux nippretendu li nirċievu lura u nieħdu
għalina jekk dan ma jiġix! Meta qalbi hija mimlija
b’Ġesù, hu jgħallimni kif ningħata sal-aħħar,
mingħajr interessi u pretensjonijiet. Madre Tereża
titlob lill-Missjunarji tal-Karità jagħmlu r-raba’
vot: l-għotja b’qalbhom kollha u bil-ferħ lill-ifqar
fost il-fqar. Għotja sħiħa u bil-ferħ. Dawn imorru
ħafna flimkien! Jekk ingħatajt kollni kemm jien,
allura qalbi hija mimlija, anke jekk ikolli nbati,
anke jekk is-servizz tiegħi ma nkunx stmat, anke
jekk inkun imwarrab. Mhux faċli, imma l-enerġija
tal-għotja tiegħi ma nkunx qed inġibha minn barra, imma minn ġewwa, minn qalbi, mir-rabta
tiegħi ma’ Ġesu Msallab.
U dan ikun jidher fuq wiċċi u fl-aġir tiegħi ... għax inkun ferħan. It-tbissima tiegħi jkollha
għerq fil-fond nett ta’ qalbi, fir-relazzjoni tiegħi ma’ Alla tiegħi. Kif kienet it-tbissima ta’
Marija li tnissel il-ferħ fil-qalb tal-oħrajn. Ma ninsewx il-kelma li jħobb itenni l-Papa
Franġisku biex inkunu persuni ferħana. “Tkunux bnedmin mdejqin: nisrani ma jista’ qatt ikun
imdejjaq! Qatt iċċedu għall-iskoraġġiment! Il-ferħ tagħna mhux ġej minn dak li nippossedu,
imma għaliex iltqajna ma’ Persuna: Ġesù, f’nofsna; jitnissel għax nafu li qatt m’aħna
waħidna, anke f’mumenti diffiċli” (Omelija, Ħadd il-Palm, 24 ta’ Marzu 2013).
4. Il-ferħ tagħna irid jiġbed lill-oħrajn lejn il-Mulej. Il-ferħ irid ikun wieħed mill-elementi
ewlenin tal-evanġelizzazzjoni. Irid ikun ukoll element qawwi għalina s-saċerdoti u r-reliġjużi
biex inħajru lil żgħażagħ biex ikunu ġenrużi biżżejjed li jilqgħu s-sejħa li l-Mulej jista’ jkun
qed jagħmlilhom. Kif semmejna hu l-ferħ frott tal-fatt li ftaħna qalbna għall-Mulej Ġesù, frott
il-ġenerożità tagħna, frott ix-xewqa li ningħataw kollna kemm aħna biex inservu lill-oħrajn
b’imħabba sħiħa u totali, kif tgħallimna Marija.
Induru lejk, Marija, bidu tal-ferħ tagħna, għallimna biex miegħek inkunu nistgħu nifirħu fil-
Mulej u fis-salvazzjoni li hu iġibilna permezz tal-għotja tiegħu sal-aħhar fuq is-Salib.
Għallimna nsawwbu l-ħarsa tagħna dejjem fuqu u nħallu li qalbna timtela’ bih u ngħidulu
miegħek: “Hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek” (S.
16, 11).
Talba ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù
Jien naf tajjeb, o Verġni mimlija bil-grazzja,
li f’Nazaret inti għixt fil-faqar,
mingħajr ma qatt tlabt xi ħaġa iżjed.
La estasi, la mirakli, la xi fatti straordinarji oħra ma żejnux ’il ħajtek, oReġina tal-magħżulin.
In-numru tal-umli, taċ-ċkejknin hu kbir ħafna fid-dinja:
huma jistgħu jħarsu lejk mingħajr ebda biża’.
Inti l-Omm li timxi magħhom tul triqathom
biex turihom it-triq lejn is-sema.
O Omm maħbuba, f’dan l-eżilju iebes,
irrid ngħix dejjem miegħek u nimxi warajk kull jum.
Nintefa’ nikkontemplak u niskopri l-qigħan tal-imħabba ta’ qalbek.
Kull biża’ tiegħi jgħib taħt il-ħarsa tiegħek ta’ omm
li tgħallimni nibki u nifraħ. Ammen.