Ħsieb tad-DISA’ JUM tan-NOVENA
Fr. Nicholas Cachia
Kull ċelebrazzjoni ta’ Marija, Omm Alla, hija stedina għalina lkoll bie...
politiku Taljan; San Giuseppe Moscati, tabib, u l-Venerabbli José Gregorio Hernández, tabib
ieħor mill-Venezuela. Dawn bie...
Ejjew, għeżież, inkunu aħna l-ferħ ta’ Marija! Ejjew nixxennqu dejjem iżjed biex inwieġbu
għas-sejħa tagħha ta’ omm biex n...
Għeżież, huwa żmien fejn aħna nduru lejn il-Verġni Mbierka, Marija Bambina, u nitolbuha
sabiex takkumpanjana, sabiex tħeġġ...
Upcoming SlideShare
Loading in...5
×

Priedka 9 novena

338

Published on

0 Comments
0 Likes
Statistics
Notes
  • Be the first to comment

  • Be the first to like this

No Downloads
Views
Total Views
338
On Slideshare
0
From Embeds
0
Number of Embeds
1
Actions
Shares
0
Downloads
3
Comments
0
Likes
0
Embeds 0
No embeds

No notes for slide

Transcript of "Priedka 9 novena"

  1. 1. Ħsieb tad-DISA’ JUM tan-NOVENA Fr. Nicholas Cachia Kull ċelebrazzjoni ta’ Marija, Omm Alla, hija stedina għalina lkoll biex aħna wkoll nixxennqu għall-qdusija. Il-ġakulatorja sabiħa li ngħidu: “O Marija, li dħalt fid-dinja mingħajr tebgħa, aqlgħalna l-grazzja noħorġu minnha mingħajr ħtija” hija stedina biex nsiru nixbħu lil Marija fil-mixja tagħna lejn is-sema, pajjiżna, u għalhekk biex insiru qaddisin bħalha. San Pawl jgħidilna, fl-Ewwel Ittra lit-Tessalonkin: “Dan irid Alla minnkom: il-qdusija tagħkom” (4,3). U San Pietru, fl-Ewwel Ittra tiegħu, ukoll jistedinna: “bħalma qaddis hu dak li sejħilkom, kunu intom ukoll qaddisin fl-imġiba tagħkom kollha” (1,15). U, mill-ġdid San Pawl jgħid li dan kien l-għan għalfejn Alla ħalaqna: “Hekk hu għażilna fih, sa minn qabel il- ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba” (Efes 1,4). Dan iseħħ bis-saħħa tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù, l-offerta li l-Iben ta’ Alla jagħmel tiegħu nnifsu biex isalvana u jgħaqqadna ma’ Alla. “Kristu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha. U dan għamlu biex iqaddisha u jnaddafha bil-ħasil tal-ilma u l-kelma u biex iressaqha quddiemu din il-Knisja, sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb, u b’xejn minn dan, imma qaddisa u bla tmaqdir minn ħadd” (Efes 5,25b-27). Il-Knisja hija aħna lkoll flimkien, imma hija kull wieħed u kull waħda minna. Dan ifisser li din hija deskrizzjoni ta’ kif għandha tkun il-ħajja tagħna: sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb, qaddisa, bla tmaqdir minn ħadd. U jagħtina wkoll il-mezzi li permezz tagħhom nistgħu nilħqu dan l-għan: il-magħmudija li twaħħadna mal-Mulej Ġesù, is-Sagramenti li permezz tagħhom nirċievu l-qawwa mis-sema tul il-mixja tagħna, u l-Kelma ta’ Alla, li tkun ta’ dawl għall-passi tagħna. Dan hu idejal għoli ħafna li, jekk nipprova nilħqu waħdi, ikun assolutament impossibbli, imma jekk ninfetaħ għall-imħabba ta’ Alla u għall-għajnuna li jagħtini l-Ispirtu s-Santu, isir possibbli. Il-qdusija mhijiex xi preġju ta’ x’uħud magħżulin; ħadd ma jitwieled qaddis ... aħna nsiru qaddisin fil-ħajja tagħna, billi nilqgħu l-grazzja ta’ Alla u nikkollaboraw magħha. Ilkoll kemm aħna msejħin biex insiru qaddisin. Għażla sabiħa li għamel il-Beatu Ġwanni Pawlu II kienet li kemm jista’ jkun jikkanonizza qaddisin minn kull settur tal-ħajja, u mhux biss sorijiet, patrijiet u saċerdoti. B’hekk illum għandna koppji miżżewġin li huma ddikjarati qaddisin jew beati: il-Beati Luigi u Zelie Martin, il-ġenituri ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, il-Beati Luigi Beltrame Quattrocchi u Maria Corsini, koppja miżżewwġa li kellhom erbat itfal, tlieta minnhom għadhom ħajjin. Insibu wkoll mara miżżewġa li kienet ukoll tabiba: Santa Gianna Beretta Molla, li mietet fl-1962 waqt li kienet tqila bit-tifla tagħha. Għandna żgħażagħ: il-Beatu Piergiorgio Frassati, li miet ta’ erba’ u għoxrin sena; il-Beata Laura Vicuna, li kienet toqgħod l-Arġentina, u li mietet ta’ 12-il sena. Għandna professjonisti: San Tumas More, statista Ingliż; il-Qaddej ta’ Alla, Giorgio La Pira,
  2. 2. politiku Taljan; San Giuseppe Moscati, tabib, u l-Venerabbli José Gregorio Hernández, tabib ieħor mill-Venezuela. Dawn biex insemmu biss ftit ħafna minn lista twila ħafna ta’ persuni li għexu l-ħajja tal-qdusija. Iva, huwa possibbli li nsiru qaddisin fid-dinja tagħna, tkun xi tkun l- età tagħna, tkun xi tkun il-professjoni jew l-istat tal-ħajja tagħna. Hi wkoll x-xewqa tal-Madonna li aħna nwieġbu s-sejħa ta’ Binha li nkunu qaddisin. Bħalma qalet lill-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana, hekk ukoll tgħid lil kull wieħed u waħda minna: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (Ġw 2,5). Il-ferħ ta’ Marija żgur li huwa wieħed mal-ferħ ta’ Alla l- Missier u ta’ Ġesù: meta jaraw tant persuni li qegħdin jinfetħu għall-imħabba ta’ Alla u jwieġbu għaliha b’ħilithom kollha. Min jaf kemm jitnissel ferħ fil-qalb tal-Verġni Mbierka meta tarana nersqu b’qalb niedma u sogħbiena lejn is-Sagrament tal-Qrar, meta tarana nieħdu bis-serjetà l-ħajja spiritwali tagħna, meta tarana naqraw u nirriflettu fuq il-Kelma ta’ Alla! Min jaf kemm innisslu ferħ fil-qalb ta’ Marija Ommna meta fil-ħajja tagħna ngħażlu li nimxu fuq il-Kelma ta’ Ġesù anke jekk ikun ifisser xi tbatija min-naħa tagħna! Bħalma omm dejjem tixxennaq li uliedha jkunu magħqudin magħha u l-ferħ kbir tagħha meta tara l-uliedha u ulied uliedha miġburin flimkien, hekk ukoll Marija. Il-ferħ kbir tagħha meta tarana miġburin madwar Binha Ġesù u naħdmu biex insiru qaddisin, bil-grazzja tiegħu. Għeżież, dan huwa l-essenzjali fil-ħajja tagħna. Dan huwa l-ġid veru li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem. Dan huwa wkoll l-isbaħ u l-ikbar unur li nistgħu nagħtu lil Marija Bambina fil-festa tagħha. It-tiżjin, il-kant, l-armar, il-banda, in-nar, iċ- ċelebrazzjonijiet fil-knisja ... kollha huma sbieħ jekk iservu għal dan l-uniku għan tal-ħajja tagħna. Jekk le, ikunu biss qed jaljenawna u jbegħduna minnu! Nemmen li Marija Bambina tinkwieta u jisgħobbiha tara tant żgħażagħ, tant irġiel u nisa, jgħinu fl-armar u fit-tiżjin, jieħdu sehem fil-marċijiet tal-banda, forsi wkoll jifirħu quddiem l-istatwa tagħha, imma mbagħad ma jersqux lejn il-Knisja, mhumiex lesti li jisimgħu l- Kelma ta’ Alla, mhumiex miftuħin għall-imħabba li Alla għandu għalihom. Hi qed tgħid lilhom ukoll: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” u huma jibqgħu għaddejjin u ma jagħtux każ, qisu ma tkellem ħadd. U l-agħar ħaġa hi li jgħidu li qed iżejnu, qed jifirħu, għax huma devoti ta’ Marija Bambina! Kemm inikktuha lill- Madonna dawn in-nies! U kemm titnikket ukoll Marija tara tant persuni li mehdijin fil-ħajja tagħhom mingħajr ma jinteressahom xejn f’Alla! Kemm titnikket Marija meta tara tfal li jagħmlu l-ewwel tqarbina bil-pompa kollha u mbagħad il-genituri tagħhom ma jġibuhomx il-Knisja biex ikunu jistgħu jirċievu lil dak Ġesù li tant ixxenqu għalih! Kemm titnikket Marija meta tara żgħażagħ, koppji miżżewġin, familji sħaħ li moħħhom biss fix-xogħol, fix-xalar, fis-sodisfazzjoni tal- ġibdiet tagħhom u jinsew lil Alla! Kemm titnikket Marija Bambina meta tara tant nies joffendu lil Alla u lilha bid-dagħa, bi kliem ħażin, b’għemil ħażin u bi skandli, fid-dar, fuq il- postijiet tax-xogħol, fit-toroq u fil-ħwienet!
  3. 3. Ejjew, għeżież, inkunu aħna l-ferħ ta’ Marija! Ejjew nixxennqu dejjem iżjed biex inwieġbu għas-sejħa tagħha ta’ omm biex nagħmlu dak kollu li jgħidilna Ġesù Binha! Ejjew nieħdu b’iktar serjetà l-“iva” li aħna għidna fil-Magħmudija: “iva” lil Alla, lill-imħabba, lil ħajja li ngħixuha skont il-Kelma tiegħu; u “le” lill-egoiżmu, li nfittxu l-interessi tagħna u ma jimpurtanix minn ħaddieħor, lid-dnub, u lix-xitan. It-taqbida spiritwali hija kbira. It-triq hija wieqfa u l-bieb huwa dejjaq. Il-ħajja nisranija mhijiex għad-debboli. Turi l-qawwa tar-ruħ, ta’ min hu determinat li jagħmel minn ħajtu xi ħaġa tassew sabiħa għal Alla u għall-oħrajn. Hemm bżonn rieda soda u determinazzjoni min- naħa tagħna. Imma rridu nżommu dejjem quddiem għajnejna li m’aħniex waħidna. Il-Mulej jaf li ma nistgħux nagħmluha waħidna u għalhekk tana l-Ispirtu s-Santu, it-Tielet Persuna tat- Trinità Qaddisa li qiegħed jgħammar fina u qiegħed isostnina fil-mixja tagħna. Marija kienet miftuħa kompletament għal din il-preżenza u għal din l-għajnuna tal-Ispirtu tant li nsejħulha: Għarusa tal-Ispirtu s-Santu. Hi tistedinna biex aħna wkoll nkunu niftuħin għal din il-preżenza u għal din l-għajnuna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Lil Marija Bambina nsejħulha wkoll b’ħafna mħabba “Madonna tal-Vittorji, tar-rebħiet”. Nirreferu għar-rebħiet li l-poplu tagħna ċċelebra wara li rrikorrha b’tama kbira fl- interċessjoni tal-Verġni Omm. Kienet t-talba ħerqana li saret lil Marija Bambina mill-Maltin li ħelset lil Malta mill-flotta Ottomana fit-8 ta’ Settembru tal-1565 fi tmiem l-Assedju l-Kbir, meta din il-flotta li kienet ilha tagħmel assedju lill-Maltin u lill-Kavallieri għal erba’ xhur sħaħ telqet tellie fa l-gżejjer Maltin. Kienet ukoll l-interċessjoni ta’ Marija li fl-1800 ħelset lil Malta mill-ħakkiema Franċiżi. Wara li l- Maltin kienu ftehmu mal-Ingliżi ta’ Lord Nelson, il-Franċiżi temmew uffiċjalment idhom f’idhom il-ħakma tagħhom f’Malta. Il-Maltin daru wkoll b’tant ħrara u mħabba lejn il-Verġni Mbierka fit-Tieni Gwerra Dinjija, u wara tant xhur ta’ qtigħ il-qalb, fit-8 ta’ Settembru 1943 it-Taljani ta’ Mussolini ċedew l-armi lill-Alleati biex b’hekk tintemm il-Gwerra għal Malta. F’dawn it-tliet sitwazzjonijiet partikulari, il-Maltin raw il-mewt imma b’fiduċja ta’ ulied daru lejn Dik li l-Mulej – fil-punt tal-mewt tiegħu – tahielna bħala Ommna, u hi ħelset lil missirijietna. L-interċessjoni ta’ Marija kisbet lil dawn il-gżejjer u lilna lkoll il-wirt tal-fidi nisranija u l-libertà ta’ poplu sovran li jagħti valur kbir lid-dinjità ta’ kull bniedem u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Għeżież, irridu nibqgħu ngħożżu dan il-wirt nisrani u dawn il-valuri nsara, mhux bħala xi ħaġa prezzjuża f’Mużew tal-antikità, imma bħala xi ħaġa li tagħtina l- ħajja, li tagħtina direzzjoni għall-preżent u għall-futur, lilna u lil pajjiżna. Ninkwetaw ħafna meta naraw dawn il-valuri jitnaqqru minn liġijiet li, f’isem il-progress u f’isem li nkunu bħall-oħrajn, għaddew u se jgħaddu mill-Parlament Malti. Ninkwetaw ħafna wkoll li ħafna Maltin qegħdin iwarrbu dan il-wirt nisrani għaliex jikkunsidrawh bħala xi ħaġa li jassarhom u mhux bħala wirt li jagħtihom il-libertà vera, minħabba li jridu jgħixu kif jaqblilhom u jidhrilhom huma. Ninkwetaw għax qed naraw li qed isiru diversi bidliet fis-soċjetà tagħna u l- insara kattoliċi, ħafna drabi, qed jibqgħu siekta u ma jsemmgħux leħinhom biżżejjed.
  4. 4. Għeżież, huwa żmien fejn aħna nduru lejn il-Verġni Mbierka, Marija Bambina, u nitolbuha sabiex takkumpanjana, sabiex tħeġġiġna u ddawwalna ħalli nkunu tassew ħmira u melħ fis- soċjetà tagħna. U dan nagħmluh billi nagħtu sehem sħiħ fuq kull livell tal-ħajja pubblika, politika, ekonomika u soċjali tal-poplu tagħna. Ma nistgħux nistħu li aħna nsara. Għandna kontribut mill-iżjed siewi għas-soċjetà tagħna. Irridu nimtlew kuraġġ u rridu nużaw it-talenti u l-kwalitajiet kollha tagħna biex inwasslu l-Evanġelju, il-Bxara t-tajba ta’ Ġesù Kristu lil ħutna. Kif qalilna l-Papa Franġisku ftit tal-ġimgħat ilu: “il-qawwa reali tal-Insara hija l- qawwa tal-verità u tal-imħabba ... Il-fidi u s-saħha jmorru flimkien. L-insara ... huma b’saħħithom! X’tip ta’ saħħa? Is-saħħa tal-manswetudni u tal-imħabba” (Angelus, 18 ta’ Awwissu 2013). Għeżież Naxxarin, intom li tifirħu li kontu l-ewwel li emmintu lill-Appostlu Pawlu meta ħabbrilna l-fidi fi Kristu: Prior Credidi, kunu intom dawk tixprunaw mill-ġdid bl-eżempju u bil-kelma tagħkom lill-poplu Malti u Għawdxi fil-fidi tagħna f’Ġesù. Kunu ulied tassew ta’ Marija Bambina biex tixxennqu għall-qdusija, billi titħeġġu li tfasslu ħajjitkom skont il- Kelma ta’ Alla, billi tkunu dejjem miftuħin għall-imħabba ta’ Alla, li tagħmilna dejjem ġodda u friski. Jalla kull Naxxari u kull min illum joqgħod hawn f’din il-parroċca għażiża ddedikata lil Marija Bambina jimtela b’din ix-xewqa li nkunu nixbħuha. Nitolbuha sabiex iddaħħalna taħt il-mant tagħha, nitolbuha tgħallimna nisimgħu b’qalb miftuħa għall-Kelma tal-Mulej, u nitolbuha li turina kif aħna nistgħu ninbidlu dejjem iżjed f’dixxipli vera ta’ Binha Ġesù. Kif isejħilha Sant’Anselmu (Sermo 21, “In Nativitate B. Mariae”, Migne, Vol 195, 323): “Inti l-Omm tagħna, Omm il-Ħajja tagħna, Omm in-nuqqas ta’ taħsir tagħna, Omm id-Dawl tagħna. Għaliex inti Omm Kristu, inti Omm l-Għerf tagħna, Omm il-Ġustizzja tagħna, Omm it-Tqaddis tagħna, Omm il-Fidwa tagħna. Inti għalhekk ikbar mill-omm fiżika tagħna, għaliex mingħandek aħna nirċievu twelid aħjar, mingħandek jiġuna l-għerf u l-ġustizzja tagħna, minnek tiġina l-qdusija tagħna”. U għalhekk f’dan il-mument għażiż induru lejk, o għażiża Ommna, Marija Bambina, o Protettriċi tagħna u ta’ dan ir-raħal, u ngħidulek b’qalbna kollha: O tfajla mmakulata, li sraqt il-qlub minn tagħna, is-sliem għalik, Bambina, ibqa’ dejjem magħna. Omm t’Alla tal-Vittorja, tifħir nagħtuk u glorja. In-Naxxar, ħelwa Bambina, jibqa’ jgħożżok, ġieħ jurik, għax it-tama tiegħu qiegħed, wara f’Alla l-Kbir, biss FIK. Viva Marija Bambina.

×